|
STQARRIJA MILL-PRESIDENT TAL-FEDERAZZJONI KLUBBS TAL-BOĊĊI
Jiena, bħala President tal-Federazzjoni Klabbs tal-Boċċi, matul dawn l-aħħar xhur irċevejt diversi telefonati u ġejt avviċinat minn players u membri ta’ diversi klabbs sabiex tiġi riveduta u eventwalment imneħħija s-sospensjoni mill-Federazzjoni tal-eks Segretarju, is-Sur Antoine Grech.
Dan il-każ imur lura għas-sena 2021, ftit wara li ħadt il-kariga ta’ President. Dak iż-żmien, is-Sur Grech telaq minn laqgħa tal-Kunsill li matulha kien ser jittieħed vot ta’ fiduċja fil-konfront tiegħu.
Wara dan, huwa fetaħ il-paġna fuq Facebook bl-isem “Dilettanti tal-Boċċi”, fejn bdew jiġu ppubblikati kummenti u kitbiet fil-konfront tiegħi bħala President, kif ukoll fil-konfront ta’ membri oħra tal-Kunsill. Minħabba dan, intbagħtet l-ewwel ittra legali permezz ta’ Avukat sabiex dawn il-kitbiet jieqfu.
Għal ċertu perjodu ta’ żmien, il-paġna kienet ġiet imblukkata. Madankollu, matul is-sena 2026, is-Sur Grech reġa’ beda jikteb fuq din il-paġna u, wara ftit, reġgħu bdew isiru kummenti indirizzati lejja personalment bħala President.
F’laqgħa tal-Kunsill, spjegajt lill-membri li, minħabba din is-sitwazzjoni, ma kienx baqagħli triq oħra ħlief li nerġa’ nikkonsulta mal-Avukat tal-Federazzjoni. L-Avukat beda l-proċeduri sabiex jitressaq każ il-Qorti, peress li, skont il-fehma tiegħi, is-Sur Grech ma kienx ta kas tal-ittri legali mibgħuta lilu.
Matul laqgħa oħra tal-Kunsill, il-membri tkellmu miegħi u esprimew ix-xewqa li, peress li l-Federazzjoni dak iż-żmien kienet mingħajr Segretarju, tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li titneħħa s-sospensjoni tal-eks Segretarju, is-Sur Antoine Grech, sabiex ikun jista’ jerġa’ jikkontesta għal kariga.
Bħala President, tajt il-kelma tiegħi lill-Kunsill li fuq din il-kwistjoni kont ser nieħu parir legali. Wara li kkonsultajt mal-Avukat tiegħi, ingħatajt il-parir li jsir ftehim bejn il-Federazzjoni Klabbs tal-Boċċi u s-Sur Antoine Grech.
Wara dan, tkellimt mal-Kunsill u ġie maqbul li niltaqgħu mal-Avukati sabiex jiġi ffinalizzat u ffirmat dan il-ftehim.
Għalhekk, fil-25 ta’ Awwissu 2026, għall-ħabta tal-4.00pm, kien hemm laqgħa fl-uffiċini ta’ Sammut Advocates, ġewwa J Business Centre, Triq Testaferrata, Ta’ Xbiex.
Għal din il-laqgħa kienu preżenti:
• Jiena, C. J. Saliba, President tal-Federazzjoni Klabbs tal-Boċċi;
• is-Sur Mario Buttigieg, Teżorier tal-Federazzjoni;
• is-Sur Harold Galea, Assistent President;
• is-Sur Antoine Grech.
F’isem l-Avukat Dr Jean Paul Sammut, kienu wkoll preżenti Dr Kevin Cassar u Dr Matthew Mamo.
Matul il-laqgħa, l-Avukati bdew jispjegaw il-kontenut tal-ftehim u li, min-naħa tiegħi bħala President, il-proċeduri legali pendenti, inkluż il-kwerela u kwistjonijiet oħra relatati, kienu ser jitwaqqfu jew jitqiegħdu f’qagħda sospiża sabiex il-kwistjonijiet kollha jiġu rregolati permezz tal-ftehim.
Ġie spjegat ukoll kif il-ftehim kellu jirregola, fost affarijiet oħra, il-mod kif għandha titmexxa l-paġna ta’ Facebook “Dilettanti tal-Boċċi”, sabiex ma jkunx hemm aktar kitbiet jew kummenti offensivi jew mhux xierqa fil-konfront tiegħi, tal-Kunsill jew tal-Federazzjoni.
Matul il-laqgħa, waqt li din kienet għaddejja b’mod normali, is-Sur Antoine Grech qam minn postu u indirizzani bi kliem li, sa fejn niftakar, kien jgħid dan li ġej:
“Jiena nurse l-isptar u kieku kont se tmexxi l-kwerela, jiena kont inċempillek u ngħidlek biex tiġi l-isptar u nqabbad lil xi ħadd jagħtik injection u titlaq.”
Dan il-kliem ħassejtu bħala theddida serja u minħabba fih bdejt inħossni mhux sigur, imħasseb u mbeżża’.
Wara dan l-inċident, għamilt jiem inħossni inkwetat ħafna u b’biża’, tant li kelli wkoll diffikultà biex norqod.
Minħabba s-serjetà li biha ħadt dan il-kliem u minħabba li bdejt nibża’ għas-sigurtà personali tiegħi, ma ħassejtx li baqagħli triq oħra ħlief li nagħmel rapport fl-Għassa tal-Pulizija sabiex l-awtoritajiet kompetenti jinvestigaw il-każ u jieħdu l-passi kollha meħtieġa skont il-liġi.
Qed nagħmel dan ir-rapport għax inħossni mħasseb u mbeżża’ għalija nnifsi u għas-sigurtà tiegħi, u sabiex, jekk ikun meħtieġ, nitlob ukoll il-protezzjoni li tista’ tingħata lili skont il-liġi.
Tislijiet,
PRESIDENT
FEDERAZZJONI KLABBS TAL-BOĊĊI
CLINTON JOHN SALIBA
|